Seminar dwar il-Kollaborazzjoni bejn Istituzzjonijiet Edukattivi u s-Soċjeta’ fil-Komunita’

Nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Jannar ġewwa l-lukanda Sensi, f’Marsaskala ġie mtella’ seminar bl-isem ta’ The Future Policies of Collaboration bħala parti mill-proġett tal-Unjoni Ewropeja bejn il-Kulleġġ San Tumas More f’Marsaskala u l-komunita’ ta’ Chojna fil-Polonja.

Għal dan is-seminar attendew Assistenti Kapijiet, għalliema u ġenituri ta’studenti li jattendu l-Kulleġġ San Tumas More kif ukoll rappreżentanti tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala.

Fl-introduzzjoni tagħha, l-Prinċipal tal-Kulleġġ San Tumas More, is-Sinjorina Josephine Mifsud saħqet dwar l-importanza tal-kollaborazzjoni li għandu jkun hemm bejn l-iskola u l-komunita’fis-soċjeta’.  Tkellmet dwar x’jistgħu joffru l-iskejjel flimkien mal-ġenituri sabiex ikunu ta’ għajnuna fil-komunita’ li jgħixu fiha b’kollaborazzjoni mal-għaqdiet kulturali u sportivi li hemm fl-istess komunita’.

Is-Sur Mark Causon, Konsulent tal-Affarijiet tal-Unjoni Ewropeja spjega l-opportunitajiet ġodda li qed jinħolqu permezz ta’ dawn il-proġetti kemm ġewwa pajjiżna kif ukoll barra minn Malta. Permezz ta’ dawn il-proġetti wieħed jista’ jitgħallem minn pajjiżi oħra kif ċerti idejat jistgħu jiġu implimentati fil-komunitajiet Maltin u viċe versa.

Waqt dan is-seminar, saru workshops bejn dawk preżenti sabiex jinħolqu idejat kif il-komunita’ u l-istituzzjonijiet edukattivi jikkollaboraw flimkien sabiex ikollna soċjeta’ aktar b’saħħitha bis-sehem ta’ kulħadd.  Dawn il-workshops kienu mmexxijja mill-Inġ. Katarina Kohutova, Konsulenta għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropeja , minn SIT Foundation.

Lejn l-għeluq tas-seminar tkellmet il-Kunsilliera ta’ Wied il-Għajn, is-Sinjura Elizabeth Cassar fejn saħqet fuq il-bżonn li aktar entitajiet jingħaqdu sabiex jagħmlu iktar ġid fis-soċjeta’.  Il-Prinċipal tal-Kulleġġ għalqet dan is-seminar billi rringrazzjat lil dawk preżenti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

*

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>