STMC Family Fun Walk

Nhar is-Sibt 17 ta’ Marzu l-Kunsill tal-Ġenituri tal-Kulleġġ San Tumas More organizza Family Fun Walk għall-familji u l-istudenti li jattendu l-iskejjel Primarji tal-istess kulleġġ.

Kmieni waranofsinhar inġbarna ħdejn id-Dar tal-Provvidenza fis-Siġġiewi fejn iltqajna mal-atleta Malti s-Sur Xandru Grech,  li, wara li ħadna xi ritratti miegħu tana xi pariri dwar is-saħħa fiżika u kemm huwa importanti l-eżerċizzju fiżiku.  Wara, il-Prinċipal tal-kulleġġ, is-Sinjorina Josephine Mifsud, qalet kelmtejn fejn irringrazzjat lil dawk kollha li attendew għal din il-mixja kif ukoll introduċiet lir-rappreżentant tal-BirdLife Malta li kien ser jakkumpanjana matul din il-mixja. Is-Sur Xandru Grech tana l-‘go’ sabiex nibdew il-mixja.

Mis-Siġġiewi mxejna sal-Fawwara fejn stajna napprezzaw mill-qrib in-natura u l-ġmiel tal-pajsaġġ Malti. It-tfal ħadu gost jieħdu r-ritratti lil ħafna pjanti ta’ kull għamla u tip u ma qagħdux lura milli jagħmlu xi mistoqsijiet lir-rappreżentant tal-BirdLife Malta li kultant ħin beda jwaqqafna sabiex nosservaw xi affarijiet kif ukoll biex jagħtina xi informazzjoni dwar il-flora u l-fawna li ltqajna magħhom waqt din il-mixja.

Kellna ċ-cans ukoll li naraw il-ġżira sabiħa ta’ Filfla mdawra bil-baħar kalm.  Ir-rappreżentant tal-Birdlife tana informazzjoni dwar l-annimali li jgħixu fuq din il-gżira daqstant ċkejkna.

Għall-ħabta tal-4pm irritornajna lura minn fejn tlaqna fejn sibna t-trasport jistenniena sabiex iwassal lil kulħadd lejn il-lokalità tiegħu. Kulħadd kien kuntent bil-mixja u b’dak li rajna fl-isfond ta’ temp mill-isbaħ.  Fl-aħħar nett il-Prinċipal ippreżentat tifkira żgħira lil BirdLife Malta għas-sapport li taw lil Kulleġġ San Tumas More tul din il-mixja.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

*

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>