Naħdmu Beżlin

Attivita’ ‘Naħdmu Beżlin’ imtellgħa mis-sezzjoni tal-Karrieri

Kulleġġ San Tumas More

21 ta’ Mejju, 2012.

Inizjattiva ġdida li l-Kulleġġ San Tumas More nieda matul din is-sena skolastika, proprju fil-21 ta’ Mejju, kienet l-inizjattiva ‘Naħdmu Beżlin’. Din l-inizjattiva hija mfassla sabiex permezz ta’ ħolqien ta’ karattru ġdid, bl-isem ta’ ‘Nellina n-nemla’, jitwasslu dawn il-messaġġi:

  • sabiex it-tfal jikbru beżlin bħan-nemla Nellina (u n-nemel)
  • jitrawmu bil-valur tax-xogħol ankeminneta’ bikrija
  • juru apprezzament lejn xogħlijiet differenti
  • jagħmlu x-xogħol tagħhom tajjeb
  • jitrawmu kif f’kuntest ta’ konflitt, jippruvaw ifittxu kompromess (win-win situation)

Din l-attivita’ kompliet twessa’ l-programmi relatati mal-Karrieri u mal-kunċett ta’ ‘Career guidance’, anke fil-livell Primarju, dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘early intervention’. Ipparteċipaw fiha l-istudenti kollha tar-raba’ sena tal-Iskola Primarja (307 studenti).

Ma setax jonqos li sabiex dawn il-kunċetti jiġu ppreżentati b’mod sempliċi li jappellaw iktar għat-tfal, l-attivita’ kellha tieħu xejra verament kreattiva u interattiva, u dan għamilnieh permezz tad-drama. Id-drama hi bbażata fuq tliet partijiet fejn tliet atturi prinċipali, Re, qaddejja u Nellina n-nemla, fis-sitwazzjoni tal-ħidma ta’ kuljum fil-kastell, joħolqu xenarju fejn joħorġu t-tagħlimiet u l-messaġġi msemmija hawn fuq. It-tliet xeni huma marbuta waħda mal-oħra permezz ta’ workshops interattivi fejn l-istudenti kellhom iċ-ċans  jipparteċipaw b’mod dirett u jitħalltu kemm mal-atturi, mal-għalliema tagħhom, mal-edukaturi mis-sezzjoni Psiko-Soċjali tas-Servizzi għall-Istudenti li jaħdmu fil-Kulleġġ (Career Advisors, Counsellors u Social workers), imma b’mod partikolari, ma’ Nellina n-nemla.

L-idea tfasslet mill-College Career Advisor imma sabiex l-attivita’ tkun organizzata fuq livell ta’ Kulleġġ, ġie organizzat working team multi-dixxiplinarju li ħadem b’mod dirett anke mas-servizzi amministrattivi tal-Kulleġġ San Tumas More.

Sabiex għalaqna l-attivita’ b’mod verament brijuż u li jibqa’ mmarkat f’moħħ l-istudenti li attendew, ġiet miktuba u rrekordjata diska  apposta għall-okkażjoni li nkitbet mill-Counsellor tal-Kulleġġ (fuq il-melodija allegruża tad-diska Waka waka), fejn Nellina n-nemla tkantat u żifnet mat-tfal sakemm tqassmet ukoll bookmark għall-okkażjoni.

Nittamaw li din l-attivita’ tibqa’ mmarkata fl-imħuħ ta’ dawn l-istudenti żgħar u nħarsu ‘l quddiem sabiex inkomplu nkabbru l-ħidma fil-qasam ta’ Career Guidance fil-Kulleġġ San Tumas More għas-snin li ġejjin!

LorraineAquilina

College Career Advisor

Kulleġġ San Tumas More

 

 

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

*

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>