Esperjenza unika fil-kampanja

Esperjenza unika fil-kampanja

It-Tlieta 25 ta’ Ottubru 2011 aħna, il-klassi tat-tieni sena ta’ Marsaxlokk kellna mmorru ‘Fun Walk’ fil-kampanja madwar l-iskola.  Flimkien iddeċidejna li nabbinaw din il-mixja mat-topik li konna qed naħdmu fuqu li kien ‘L-annimali tar-razzett’.

F’Marsaxlokk, in-naħa tax-Xerriek hemm ħafna għelieqi u rziezet.  Ġbidna lejn dik in-naħa għax ma tantx jgħaddu karozzi minn dawn in-naħat tal-kampanja Xlukkajra.  Aħna u mexjin rajna s-siġar tal-bajtar u tal-ħarrub.  Tkellimna mat-tfal fuq il-funzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ u l-fjuri selvaġġi li jikbru fil-ġnub tat-triq.  Għall-maġġoranza tat-tfal dawn kienu esperjenzi ġodda minħabba li ftit esperjenzaw  mixjiet fil-kampanja.

Fi triqitna ltqajna mas-Sur Charlie Vella li hu sid ta’ żiemel.  Hu daħħalna biex narawh fl-istalla tiegħu.  Kien żiemel vera mans u t-tfal għoxew iħarsu lejh.  Bidwi ieħor li rana hemmhekk, daħħalna fir-razzett tiegħu.  Dan kellu mogħoż, tiġieġ, sriedak, ħamiem u dundjani.  Wieħed wieħed it-tfal kollha telgħu fuq iż-żiemel ta’ dan il-bidwi.  Ħassewhom qegħdin fis-seba’ sema f’dik in-natura u mal-annimali li t-tfal tant iħobbu.

Meta ħriġna minn dan ir-razzett, bidwi ieħor li kellu razzett faċċata fetħilna l-grada u daħħalna fir-razzett tiegħu.  Kien hemm baqar, nagħaġ, żwiemel, tiġieġ u mogħoż tal-muntanji.  Ġab żewġt iħrief li kellhom biss 24 siegħa.  It-tfal kollha ġġennu biex jerfgħuhom u jmellsuhom tant kienu mansi.  Żgur imma li l-aktar esperjenza eċitanti għat-tfal kienet meta dan l-istess bidwi fetħilhom l-grada fejn kien hemm il-mogħoż u qalilhom biex jidħlu ħdejhom u jaqbduhom.  Kemm ġrew warajhom u daħku.

Bidwija f’razzett fil-qrib daħħlitna mbagħad fir-razzett tagħhom.  Hemmhekk kien hemm btieħi kbar fejn kien hemm klieb, poni, żiemel, żewġ baqriet żgħar, wiżż, mogħoż u nagħaġ.  Kien hemm ukoll ħmar, fniek ġol-gaġġa, ħanżira u tiġieġ tat-toppu.

Ħadd minna ma ta kas ta’ kemm tajn kellna maż-żarbun tant ilkoll ħadna gost b’din l-esperjenza ta’ bla ħsieb imma daqshekk eċitanti.  Aħna u niżlin lura lejn l-iskola waqafna nieklu fuq biċċa siment nadifa.  Lura fil-klassi kulħadd kien għajjien għax l-arja sabiħa tal-kampanja bħal ħatfitna u għejjejna.  Imma żgur hu li fuq kollox din kienet esperjenza unika mhux biss għat-tfal imma anki għalina l-għalliema tagħhom.

Monica Caruana  (Għalliema)

Lora Callus (LSA)

Frances Barbara (LSA)

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

*

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>