Ġita Kulturali fi Sqallija

Ġita Kulturali fi Sqallija

sqallija-01

Picture 1 of 4

Nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Ġunju 2011, kmieni filgħodu, grupp ta’ studenti mill-Kulleġġ San Tumas More, flimkien mal-ġenituri tagħhom, iltaqgħu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta għal titjira lejn Catania. Magħhom ingħaqdet Ms Josephine Mifsud, il-Prinċipal tal-Kulleġġ, u wħud mill-membri tal-istaff tagħha. It-titjira KM 1308 wasslet lill-grupp sal-ajruport ta’ Fontanarossa, Katanja. U hekk bdiet żjara kulturali ta’ ġurnata sħiħa fi Sqallija.

Mal-wasla fl-ajruport sibna l-kowċ tistenniena. L-ewwel waqfa tagħna kienet quddiem id-Duomo ta’ Katanja, fi Piazza Elefante.Minn hemm qbadna t-triq lejn l-Etna: matul it-triq stajna naraw diversi djar nofshom mirdumin bil-lava li l-vulkan kien tajjar waqt wieħed mill-iżbroffi tiegħu.

Meta wasalna fuq l-Etna, kellna waqfa għall-ikel, u ħin biżżejjed biex nitilgħu nittawlu għal ġo aktar minn bokka waħda tal-vulkan li m’għadhomx attivi.

Minn fuq l-Etna l-kowċ ħaditna nżuru l-Gole dell’Alcantara, xmara ta’ ilma frisk, ġej mill-muntanji. Minn hemm imbagħad qbadna t-triq lejn Taormina, fejn qattajna l-ħin induru ma’ din il-belt ħelwa,  li toffri panorami mill-isbaħ tal-inħawi li jdawruha. Minn Taormina erġajna qbadna t-triq, din id-darba lejn l-ajruport ta’ Katanja, b’waqfa għax-xiri minn Auchan, qrib l-istess ajruport.

It-titjira KM1483 ġabitna lura lejn Malta, xi ftit jew wisq għajjenin imma kuntenti bil-mawra tagħna fi Sqallija.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

*

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>