Tmiem b’suċċess ta’ Comenius Regio Project

Tmiem b’suċċess ta’ Comenius Regio Project bejn il-Kulleġġ San Tumas More

u l-Ioan Petrus High School mir-Rumanija

Il-Kulleġġ San Tumas More għadu kif temm b’suċċess proġett intitolat ‘Edukazzjoni Informali u Non-formali permezz tal-ICT’ (Informal and Non-Formal education through ICT). Dan il-proġett seħħ permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea (Comenius Regio funds) fejn il-Kulleġġ San Tumas More (Malta), f’partnership flimkien mal-Ioan Petrus High School ta’ Otopeni, ir-Rumanija, ħadmu sabiex iwettqu inizjattivi li joħorġu aspetti tal-edukazzjoni informali u non-formali, kif ukoll dwar kif dawn jistgħu jiġu integrati mal-kunċett tat-teknoloġija u informatika (I.C.T). Entitajiet oħra li ħadmu f’dan il-proġett huma l-EasySchool of Languages, Malta, il-Kunsill Lokali ta’ Otopeni, ir-Rumanija u numru ta’ skejjel fi ħdan l-istess Kulleġġ, fosthom; l-iskola primarja ta’ Marsascala, Skola Sekondarja Ħamrun, Skola Sekondarja Santa Luċija u Skola Sekondarja Raħal Ġdid.

Il-parteċipanti Maltin, fosthom numru ta’ 20 għalliem, kapijiet tal-Iskejjel u assistenti kapijiet tal-Iskejjel, kellhom l-okkażjoni jżuru l-iskola parteċipattiva tar-Rumanija fejn setgħu josservaw l-eżempji prattiċi ta’ tagħlim u kif dawn jintegraw l-aspett tal-edukazzjoni informali u non-formali* mal-użu tal-ICT fl-iskejjel. Il-parteċipanti Rumeni, li kienu wkoll komposti minn għalliema u diriġenti tal-iskola, kellhom kliem ta’ tifħir matul iż-żewġ żjajjar li huma għamlu hawn Malta f’Ġunju u Novembru tas-sena 2013.

B’riżultat ta’ dan il-proġett, ġie mfassal logo li jirrifletti t-tema tal-edukazzjoni u t-tema tal-proġett, ‘We study for life’ (nistudjaw għal għomorna) li qed jidher f’dan l-artiklu. Ġie mtella’ wkoll DVD li jikkonsisti f’filmati ta’ sitt lezzjonijiet, uħud minnhom fil-klassi u wħud minnhom barra mill-klassi, bil-parteċipazzjoni tal-istudenti, li jkopri modi alternattivi ta’ tagħlim b’applikazzjoni ta’ inizjattivi informali u non-formali li jistgħu jiġu mwettqa bl-użu tal-ICT sabiex tiġi motivata l-parteċipazzjoni attiva min- naħa tal-istudenti fl-iskejjel.

L-għalliema kellhom ukoll l-opportunità li jipparteċipaw f’żewġ korsijiet ta’ Taħriġ intitolati ‘Mezzi Alternattivi ta’ Tagħlim b’applikar ta’ metodi informali u non-formali ta’ edukazzjoni u l-użu tal-ICT’ (Alternative methods of Teaching through the application of Non-formal and Informal education methods and the use of ICT) u ‘l-Użu tal-ICT bħala Għodda għat-Tagħlim’ (The Use of ICT as a Teaching Tool) li saru f’Ottubru 2013 u f’Ġunju 2014 rispettivament.

L-esperjenza u t-taħriġ kollu akkwistat fl-esperjenza ta’ dan il-proġett ġiet disseminata mal-iskejjel kollha tal-Kulleġġ u mal-istaff u mal-istudenti rispettivi. Il-Kulleġġ San Tumas More jirringrazzja lill-EUPA tal-fondi li ntnefqu sabiex dan il-proġett seta’ jiġi implimentat, lil Ms Josephine Mifsud, Prinċipal tal-Kulleġġ, lill-Easyschool of Languages tas-sapport kontinwu u lill-iskejjel kollha fi ħdan il-Kulleġġ, kemm dawk li pparteċipaw b’mod dirett u kemm dawk li pparteċipaw b’mod indirett. Fi kliem l-istaff tal-Kulleġġ stess, apparti l-għanijiet diretti marbuta mal-proġett, din l-esperjenza ħalliet relazzjoni pożittiva ħafna kemm lokali kif ukoll barra minn xtutna, trabbew relazzjonijiet ġodda u wieħed kellu l-opportunità japprezza l-kulturi, it-tradizzjonijiet, twemmin u ideoloġiji differenti li jkomplu jilħqu l-għan edukattiv minn wieħed f’ambjent formali għal dak b’dimensjoni informali, non-formali, teknoloġiku u ħolistiku  fil-maġġor parti tiegħu.

Lorraine Aquilina

Koordinatriċi tal-proġett

Kulleġġ San Tumas More

*definizzjonijiet ta’ edukazzjoni Informali u Non-formali jistgħu jinstabu fis-Secondary school certificate & profile (ex-school leaving certificate). Edukazzjoni informali tfisser esperjenza edukattiva akkwistata mhux f’ambjent formali (wara l-ħin tal-iskola) filwaqt li edukazzjoni non-formali hija esperjenza ta’ tagħlim edukattiv akkwistat matul il-ħin tal-kuntest formali (ġeneralment matul il-ħin tal-iskola) imma f’inizjattivi mhux direttament relatati mal-kurrikulu.

 

 

 

 

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

*

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>