Merħba

Qabel xejn grazzi talli għoġbok tidħol fil-website tal-Kulleġġ San Tumas More. Bħalma se ssib miktub f’partijiet oħra tal-website, dan il-Kulleġġ, li tiegħu jien għandi l-pjaċir inkun il-Prinċipal, iħaddan fih għaxar skejjel – seba’ primarji u tlieta sekondarji.

Il-Kulleġġ San Tumas More ilu mwaqqaf mis-sena skolastika 2008-2009. Bħal kull ħaġa ġdida, il-bidu ma kienx ħafif, l-aktar fejn jidħol is-sens ta’ appartenenza min-naħa tad-diversi skejjel li bdew jiffurmaw dan il-Kulleġġ. Għax ngħiduha: sa qabel daħlet is-sistema tal-Kulleġġi, l-iskejjel governattivi kienu jaħdmu – u jaħdmu tajjeb – imma x’aktarx għal rashom. Il-kuntatti li kellhom, aktar milli ma’ skejjel oħra, kienu maċ-Ċentru. Is-sistema tal-Kulleġġi biddlet dan kollu.

L-istruttura ta’ Kulleġġ tgħin biex l-iskejjel li jagħmlu parti minnu, ma jibqgħux jaħdmu kważi f’iżolament, kull skola għal rasha. Biżżejjed ngħidu li l-Kapijiet tal-għaxar skejjel tagħna jiltaqgħu mill-anqas darba kull xahar biex, flimkien miegħi, jippjanaw u jikkordinaw ħidmiet li jkunu meħtieġa. F’dawn il-laqgħat ukoll, il-Kapijiet tal-iskejjel isibu opportunità biex jaqsmu l-ideat, kif ukoll jiddiskutu problemi komuni, bejniethom u miegħi, u flimkien jaslu għal soluzzjonijiet xierqa.

U llum nista’ ngħid illi, bil-ħidma u l-koperazzjoni tal-kapijiet, l-amministrazzjonijiet u l-għalliema tagħhom, dawn l-għaxar skejjel iħossuhom li huma lkoll jagħmlu parti mill-istess Kulleġġ wieħed. U nħoss li nista’ nżid ngħid li l-istudenti tagħna wkoll – bis-saħħa ta’ diversi attivitajiet organizzati għalihom kollha flimkien matul is-sena – iħossuhom li huma membri tal-istess Kulleġġ wieħed.

Min-naħa tiegħi, bħala Prinċipal tal-Kulleġġ San Tumas More,  se nkompli naħdem biex jisseddaq dan is-sens ta’ għaqda bejn dawk kollha – kbar u żgħar – li jagħmlu parti mill-Kulleġġ. U dan jgħodd ukoll għall-mijiet ta’ ġenituri li wliedhom jattendu xi waħda jew oħra mill-għaxar skejjel tagħna.

Jekk inti għandek xi suġġerimenti li jistgħu jgħinuna nilħqu aħjar dan il-għan, napprezza ħafna jekk jogħġbok tgħaddihomlna.

Fl-aħħar nett,  kelma xierqa ta’ ringrazzjament lil Ms Miriam Schembri tal-għajnuna kollha tagħha biex setgħet issir din il-website.

Ms Josephine Mifsud

Prinċipal tal-Kulleġġ

This entry was posted in uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

*

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>